il-gimgha mqaddsa

QUDDIEM KURCIFISS

 
 

 Bħal kont qisni f’ħolma, IL-bogħod minn kull ħoss,  
U paċi ġo qalbi, bdejt donni inħoss,  
Bdejt anke nitħeddel u bdejt nara ċpar,  
Għaddiet żiffa ħelwa u kollox deher ċar.  

Sibt ruħi f’nofs folla, f’toroq kollha nies,  
Raġel demmu jċarċar b’imħabba bla qies,  
Staqsejt mara xwejħa, “Fejn sejrin joħduh?”  
Qaltli b’qalb maqsuma, “Sejrin isallbuh.”  

Min beda jitħassru għax kien innoċenti,  
Min beda jwassallu XI kliem insolenti,  
Qalbi wisq ingħafset fis-sema rajt dija,  
Ġie anġlu u qalli, “Ir-raġel bla ħtija.”  

Inross bdejt ġol-folla biex nersaq fil-qrib,  
Kemm xtaqt imqar ngħinu iġorr is-salib,  
Iżd’ Hu ħares lejja b’ħarsa t’onesta`,  
Xtaq li juri mħabbtu ma l-umanita`.  

Min jaf dik IL-għuda kemm xtaqet teħfief,  
Żgur mhux pjaċir tagħha li fuqu tistrieħ,  
Trab li demmu xorob, kemm ħass dak IL-ħin,  
Minn kollox xtaq jagħmel u jsir bħal deheb fin.  

Min jaf dawk IL-frosti, li bihom sawwtuh,  
Kemm xtaqu imilu u qima jagħtuh,  
Il-bżieq li beżqulu kemm xtaq idewwieħ,  
Il-ġrieħi jfejqulu biex mistrieħ jagħtieh.  

Il-kliem ta’ stmerrija, illi għajjruh bih,  
Xtaq kien għana t’anġli u glorja jagħtieh,  
Kuruna minn xitla li nibtet mill-art,  
Ix-xewk illi għamlet kemm xtaqet kien ward.  

L-imsiemer li nifdu idejħ u riġlejħ,  
Żgur xtaqu idubu u ma jersqux lejh.  
Il-martell li ntuża, kien jaf li bla ħtija,  
Xtaq li jsir tat-tafal, jeħlislu t-tbatija.  

Sponża ħall ressqulu, x’ħin Hu jixrob ried,  
Kemm xtaqet titfarrak u taqa’ irmied,  
Ma kontx ċert smajtx sewwa x’kien qiegħed jgħidilhom,  
Possibbli dal-Bniedem kien qiegħed jaħfrilhom?  

Kemm xtaqt li stajt ngħinu, xtaqt nitla’ ftit ħdejh,  
Izd’ Hu mejjel rasu u għalaq għajnejh,  
U faqqgħet sajjetta bis-sema tikrieħ,  
Ix-xita qliel niżlet, biex donnha tibkieħ.  

Niżżluħ, tawħ lill-mara, imsejkna dik Ommu,  
Li ridet trossu magħha, f’ħogorha żżommu,  
U qalbha ingħafset x’ħin ġew biex joħduh,  
Keffnuħ f’lizar abjad u f’qabar daħħluħ.  

Hekk din IL-passjoni li kont rajt tant ċara,  
Issa kienet għebet u xejn ma stajt nara,  
U b’ħasda ninduna li kont mitluf fiss,  
Waħdi f’nofs kappella, quddiem Kurċifiss.  


(din il-poezija ircievejt email u xtaq naqsamha maghkom)